Id-drittijiet tal-vjaġġaturi b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa

Jekk inti persuna b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa, għandek id-dritt li tivvjaġġa bl-ajru, bil-ferrovija, bil-karozza tal-linja, bil-kowċ, jew bil-vapur bħal ħaddieħor. Meta tixtri l-biljett tiegħek, il-bejjiegħ obbligat jinfurmak dwar il-vjaġġ tiegħek, f’format li jkun aċċessibbli għalik, u wkoll dwar il-faċilitajiet speċifiċi li hemm disponibbli għalik abbord l-inġenju tal-ajru, it-tren, il-karozza tal-linja, il-kowċ, jew il-vapur.

Ikun xi jkun il-mezz tat-trasport, għandek id-dritt għall-assistenza bla ħlas fit-terminals u abbord il-vetturi. Fil-każ tal-ivvjaġġar bl-ajru, bil-karozza tal-linja, bil-kowċ, u bil-vapur ma tistax ma titħalliex tuża t-trasport minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tiegħek ħlief għal raġunijiet ġustifikati minħabba s-sikurezza (stipulati fil-liġi nazzjonali, internazzjonali, jew tal-UE jew f’deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti) jew minħabba l-mod kif ikunu magħmulin il-vettura jew l-infrastruttura. Fil-każ tat-trasport bil-ferrovija, ma tistax ma titħalliex tuża t-trasport minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tiegħek ħlief jekk dan ikun meħtieġ għall-konformità mar-regoli tas-sikurezza mhux diskriminatorji tal-kumpanija ferrovjarja jew tal-maniġer tal-istazzjon.

X’inhi s-sitwazzjoni tiegħek?

Qed tivvjaġġa bl-ajruplan

Assistenza

Meta tivvjaġġa bl-ajruplan, għandek id-dritt għall-assistenza, bla ħlas. Dan id-dritt jinkludi, fost tipi oħrajn ta’ għajnuna, l-assistenza msemmija hawn taħt fl-ajruporti qabel u wara t-titjira tiegħek kif ukoll matul it-titjira:

  • assistenza bil-ġarr tal-bagalji tiegħek
  • assistenza biex tirkeb fl-ajruplan u tinżel minnu
  • trasport b’xejn tal-kelb tal-assistenza rikonoxxut, tat-tagħmir mediku, u ta’ biċċtejn tagħmir li tuża għall-mobbiltà tiegħek

Barra minn hekk, jekk fil-vjaġġ takkumpanjak persuna biex tassistik, il-linja tal-ajru għandha, kull meta jkun possibbli, talloka lil din il-persuna post maġenbek fl-ajruplan.

Biex tingħata l-aqwa assistenza possibbli, ikkuntattja lil-linja tal-ajru, lill-bejjiegħ tal-biljetti, jew lit-tour operator mill-inqas 48 siegħa qabel ma tivvjaġġa biex tispjega x’tipi ta’ assistenza tkun teħtieġ u jekk ikunx se jakkumpanjak xi ħadd fil-vjaġġ. Għandek tinfurmahom ukoll jekk tkunx se tivvjaġġa b’kelb tal-assistenza. Dawn jagħtuk ukoll pariri dwar is-siġġu tar-roti jew it-tagħmir tal-mobbiltà tiegħek u, meta jkun il-każ, dwar il-batteriji tagħhom.

Jekk il-linja tal-ajru, il-bejjiegħ tal-biljetti, jew it-tour operatorma jkunux ġew infurmati dwar il-ħtieġa tal-assistenza mill-inqas 48 siegħa qabel ma tivvjaġġa, iridu għall-inqas jagħmlu l-isforzi raġevoli kollha possibbli biex jassistuk ħalli tkun tista’ tivvjaġġa kif ippjanat.

Il-linji tal-ajru mhumiex obbligati jipprovdulek għajnuna biex tiekol jew biex tieħu l-medikazzjoni matul it-titjira. Jekk teħtieġ għajnuna ta’ dan it-tip, ngħidu aħna matul titjira twila, tkun trid titlob lil persuna oħra takkumpanjak ħalli tipprovdi din it-tip ta’ assistenza.

Twissija

Ma tistax ma titħalliex titla’ abbord minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tiegħek, ħlief jekk:

  • l-inġenju tal-ajru jew il-bieba tal-inġenju tal-ajru jkunu fiżikament żgħar wisq, jew
  • ir-regolamenti nazzjonali, internazzjonali, jew tal-UE dwar is-sikurezza jew deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-sikurezza tal-avjazzjoni jipprevjenu lil-linja tal-ajru milli tittrasportak.

It-trasportaturi jistgħu jirrifjutaw li jittrasportawk għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq. Madankollu, bħala alternattiva u biex tkun tista’ tivvjaġġa, it-trasportatur jista’ jitolbok li takkumpanjak persuna li tkun tista’ tipprovdi l-assistenza mitluba mir-regoli tas-sikurezza applikabbli. F’dan il-każ, it-trasportatur mhuwiex obbligat jittrasporta lil din il-persuna bla ħlas.

Teħtieġ aktar għajnuna?

Jekk waqt li tkun qed tivvjaġġa bl-ajruplan issib problemi biex tikseb l-assistenza, jew jekk it-tagħmir tal-mobbiltà tiegħek ikun intilef jew inqered, għandek tinforma b’dan lill-awtoritajiet tal-ajruport jew lil-linja tal-ajru kkonċernata. Jekk it-tweġiba li jagħtuk ma tqishiex sodisfaċenti, tista’ tikkuntattja lill-entità nazzjonali responsabbli mill-infurzar en fil-pajjiż fejn ikun seħħ il-każ.

Id-drittijiet l-oħrajn li tagħtik l-UE bħala passiġġier tal-ajru

Agħti daqqa t’għajn lejn l-għodda interattiva tagħna dwar id-drittijiet li tagħti l-UE lill-passiġġieri tal-ajru biex issir taf aktar dwar drittijietek u kif titlobhom jekk ma titħalliex titla’ abbord, jew jekk it-titjira tiegħek tiġi kkanċellata jew tittardja.

Qed tivvjaġġa bit-tren

Assistenza

Meta tivvjaġġa bit-tren, għandek id-dritt għall-assistenza, bla ħlas.

L-assistenza tkopri din l-għajnuna:

  • biex tirkeb fit-tren u tinżel minnu / tibdel minn tren għal ieħor fi vjaġġ li jinvolvi aktar minn tren wieħed (li jrid ikollok il-biljett għalihom)
  • abbord (inkluż l-aċċess għal servizzi abbord) u fl-istazzjon qabel u wara l-vjaġġ tiegħek.

Biex tingħata l-aqwa assistenza possibbli, trid tikkuntattja lill-kumpanija ferrovjarja, lill-maniġer tal-istazzjon, lill-bejjiegħ tal-biljetti, jew lit-tour operator mill-inqas 24 siegħa qabel ma tivvjaġġa biex tispjega x’tipi ta’ assistenza tkun teħtieġ. Sabiex jipprovdu l-għajnuna mitluba, il-kumpanija ferrovjarja jew il-maniġer tal-istazzjon jistgħu jitolbuk tkun f’post speċifiku fl-istazzjon mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat jew qabel il-ħin finali taċ-check-in għat-tren li tkun se taqbad. Jekk ma jkunux qalulek meta għandek tasal fil-post speċifiku, għandek tkun hemmhekk mill-inqas 30 minuta qabel il-ħin tat-tluq skedat jew qabel il-ħin meta l-passiġġieri kollha jintalbu jagħmlu ċ-check-in.

Jekk il-kumpanija ferrovjarja, il-maniġer tal-istazzjon, il-bejjiegħ tal-biljetti, jew it-tour operator ma jkunux ġew infurmati dwar il-ħtieġa tal-assistenza mill-inqas 24 siegħa qabel ma tivvjaġġa, iridu għall-inqas jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha possibbli biex jassistuk ħalli tkun tista’ tivvjaġġa kif ippjanat.

L-operaturi ferrovjarji jistgħu jitolbuk li jakkumpanjak xi ħadd fil-vjaġġ, iżda dan jistgħu jagħmluh biss jekk ikun strettament meħtieġ biex jikkonformaw ma’ regoli nondiskriminatorji tal-aċċess li jkunu diġà fis-seħħ (pereżempju minħabba l-mod kif ikunu magħmulin l-infrastruttura tat-tren jew tal-istazzjon). Il-persuna li takkumpanjak tkun intitolata li tivvjaġġa bla ħlas u, fejn ikun possibbli, tingħata post maġenbek. Jekk ikollok kelb tal-assistenza, dan jitħalla jakkumpanjak f’konformità ma’ kwalunkwe regoli lokali fil-pajjiż fejn tkun qed tivvjaġġa.

Twissija

Xi pajjiżi tal-UE jirrikjedu li t-talbiet għal assistenza lill-kumpaniji ferrovjarji, lill-maniġers tal-istazzjonijiet, lill-bejjiegħa tal-biljetti, jew lit-tour operators iridu jsiru mill-inqas 36 siegħa qabel, mhux 24 siegħa. Agħti daqqa t’għajn lil-lista tal-pajjiżi li japplikaw dan il-perjodu itwal ta’ notifika. Ma tistax ma titħalliex titla’ abbord minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tiegħek, ħlief jekk ikun hemm tħassib dwar is-sigurtà jew regoli dwar is-sikurezza li ma jippermettux lill-kumpanija ferrovjarja tittrasportak.

Teħtieġ aktar għajnuna?

Jekk waqt li tkun qed tivvjaġġa bil-ferrovija ssib problemi biex tikseb l-assistenza, għandek tinforma b’dan lill-maniġer tal-istazzjon jew lill-kumpanija ferrovjarja kkonċernata. Jekk it-tweġiba li jagħtuk ma tqishiex sodisfaċenti, tista’ tikkuntattja lill-entità nazzjonali responsabbli mill-infurzar en fil-pajjiż fejn ikun seħħ il-każ.

Id-drittijiet l-oħrajn li tagħtik l-UE bħala passiġġier tal-ferrovija

Agħti daqqa t’għajn lejn l-għodda interattiva tagħna dwar id-drittijiet li tagħti l-UE lill-passiġġieri tal-ferrovija biex issir taf aktar dwar drittijietek (inkluż il-kumpens għal tagħmir ta’ mobbiltà mitluf/li jġarrab ħsarat) meta tivvjaġġa bil-ferrovija u kif titlobhom jekk ikollok bżonn.Id-drittijiet li tagħti l-UE lill-passiġġieri tal-ferrovija

Qed tivvjaġġa bil-karozza tal-linja jew bil-kowċ

Assistenza

Għandek dritt għal assistenza bla ħlas jekk qed tippjana vjaġġ ta’ distanza twila (fejn id-distanza skedata tas-servizz (mhux il-vjaġġ individwali tiegħek) tkun ta’ 250km jew aktar). Għandek id-dritt għall-assistenza fit-terminals speċifikati għal dan l-iskop PDF en , kif ukoll biex tirkeb fil-karozza tal-linja jew fil-kowċ u biex tinżel minnhom. Barra minn hekk, il-kumpanija trid tħalli persuna li tagħżel int biex tivvjaġġa miegħek bla ħlas – jekk dan ineħħi xi tħassib li jista’ jkun hemm fir-rigward tas-sikurezza u li minħabba fih ma tkunx se titħalla tivvjaġġa.

Biex tiżgura li tingħata l-assistenza li teħtieġ, trid tikkuntattja lill-kumpanija tal-karozzi tal-linja / tal-kowċis, lill-bejjiegħ tal-biljetti, jew lit-tour operator mill-inqas 36 siegħa qabel ma tivvjaġġa sabiex tgħidilhom x’għajnuna teħtieġ. L-operatur jew il-maniġer tat-terminal jistgħu jitolbuk tkun f’post speċifiku mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat.

Twissija

Ma tistax ma titħalliex tixtri biljett, tagħmel prenotazzjoni, jew titla’ abbord minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa – ħlief jekk dan ikun strettament meħtieġ għall-konformità mar-rekwiżiti legali tas-sikurezza, jew fejn l-infrastruttura ma tkunx tista’ tiggarantixxi trasport sikur.

Teħtieġ aktar għajnuna?

Jekk waqt li tkun qed tivvjaġġa bil-karozza tal-linja jew bil-kowċ issib problemi biex tikseb l-għajnuna, għandek tinforma b’dan lill-awtoritajiet tat-terminal jew lill-kumpanija tal-karozzi tal-linja / tal-kowċis ikkonċernata. Jekk it-tweġiba li jagħtuk ma tqishiex sodisfaċenti, tista’ tikkuntattja lill-entità nazzjonali responsabbli mill-infurzar PDF en fil-pajjiż fejn ikun seħħ il-każ.

Id-drittijiet l-oħrajn li tagħtik l-UE bħala passiġġier tal-karozzi tal-linja u tal-kowċis

Agħti daqqa t’għajn lill-għodda interattiva tagħna dwar id-drittijiet li tagħti l-UE lill-passiġġieri tal-karozzi tal-linja u tal-kowċis biex issir taf aktar dwar drittijietek meta tivvjaġġa bil-karozzi tal-linja jew bil-kowċis u kif titlobhom jekk ikollok bżonn.

Qed tivvjaġġa bil-vapur

Assistenza

Għandek dritt għall-assistenza, bla ħlas, biex titla’ abbord u tinżel l-art, biex tibdel minn vapur għal ieħor, meta tkun fuq il-vapur, u fil-port. Sabiex tikseb l-aqwa assistenza possibbli, trid tkellem lit-trasportatur, lill-bejjiegħ tal-biljetti, jew lit-tour operator mill-inqas 48 qabel ma tivvjaġġa u tispjega x’tipi ta’ assistenza teħtieġ. Anke jekk dan ma tkunx għamiltu, it-trasportatur u l-operatur tat-terminal xorta waħda jridu jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha possibbli biex jgħinuk.

Jekk ikollok bżonnijiet speċjali fejn għandhom x’jaqsmu l-akkomodazzjoni, fejn tpoġġi bilqiegħda, jew l-assistenza, jew jekk ikollok bżonn tieħu miegħek xi tagħmir mediku, informa b’dan lill-bejjiegħ tal-biljetti meta tagħmel il-prenotazzjoni.

It-trasportaturi jistgħu jirrifjutaw li jittrasportawk għal raġunijiet ta’ sikurezza stipulati fir-regoli nazzjonali, internazzjonali, jew tal-UE, jew minħabba l-mod kif ikunu magħmulin il-vapur jew l-infrastruttura tal-port. Madankollu, bħala alternattiva u biex tkun tista’ tivvjaġġa, it-trasportatur jista’ jitolbok li takkumpanjak persuna li tkun tista’ tipprovdi l-assistenza mitluba mir-regoli tas-sikurezza applikabbli. F’dan il-każ, it-trasportatur irid jittrasporta lil din il-persuna bla ħlas.

Teħtieġ aktar għajnuna?

Jekk waqt li tkun qed tivvjaġġa bil-vapur issib problemi biex tikseb l-għajnuna, għandek tinforma b’dan lill-awtoritajiet tal-port jew lit-trasportatur ikkonċernat. Jekk it-tweġiba li jagħtuk ma tqishiex sodisfaċenti, tista’ tikkuntattja lill-entità nazzjonali responsabbli mill-infurzar en fil-pajjiż fejn ikun seħħ il-każ.

Id-drittijiet l-oħrajn li tagħtik l-UE bħala passiġġier tal-vapuri

Agħti daqqa t’għajn lill-għodda interattiva tagħna dwar id-drittijiet li tagħti l-UE lill-passiġġieri tal-vapuri biex issir taf aktar dwar drittijietek meta tivvjaġġa bil-vapur u kif titlobhom jekk ikollok bżonn.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 13/02/2025
Ikkondividi din il-paġna

Follow Lee on X/Twitter - Father, Husband, Serial builder creating AI, crypto, games & web tools. We are friends :) AI Will Come To Life!

Check out: eBank.nz (Art Generator) | Netwrck.com (AI Tools) | Text-Generator.io (AI API) | BitBank.nz (Crypto AI) | ReadingTime (Kids Reading) | RewordGame | BigMultiplayerChess | WebFiddle | How.nz | Helix AI Assistant